
X’inhuma l-aktar affarijiet importanti għaż-żgħażagħ fl-Ewropa? Kif jipperċepixxu d-demokrazija, u kif jixtiequ jsemmgħu leħinhom?
L-aktar Ewrobarometru dwar iż-Żgħażagħ u d-Demokrazija riċenti jesplora l-fehmiet, it-tħassib u l-aspettattivi taż-żgħażagħ Ewropej fl-2026. Ir-riżultati jipprovdu tagħrif dwar kif iż-żgħażagħ jipperċepixxu d-demokrazija u r-rwol tagħhom fit-tiswir tal-futur tal-Ewropa.
X’inhuma l-punti ewlenin?
- Il-politiki dwar iż-żagħżagħ: Fil-maġġoranza tal-każijiet, ix-xewqa taż-żgħażagħ tkun li l-politiki dwar iż-żgħażagħ jindirizzaw il-problemi reali li jiffaċċjaw (40%). Barra minn hekk, dawn jenfasizzaw li għandhom jitħallew isemmgħu aktar leħinhom fejn jidħlu d-deċiżjonijiet u li għandu jkun hemm appoġġ finanzjarju akbar għall-programmi għaż-żgħażagħ (32% għal kull punt).
- L-ekwità interġenerazzjonali: Madwar terz tagħhom jidhrilhom li dawk li jfasslu l-politika jqisu l-konsegwenzi fit-tul. Bl-istess mod, 33% jaħsbu li ż-żgħażagħ għandhom l-istess opportunitajiet ta’ 30 sena ilu jew li 30 sena oħra se jkollhom l-istess opportunitajiet li għandhom illum.
- L-involviment ċiviku u l-bidla fis-soċjetà: Aktar minn nofs iż-żgħażagħ Ewropej diġà pparteċipaw f’azzjonijiet immirati biex iwasslu għal bidla fis-soċjetà (eż. iffirmaw petizzjoni, ipparteċipaw f’dimostrazzjoni, ikkuntattjaw lil xi politikant). Il-vot u l-midja soċjali jitqiesu bħala l-aqwa lievi li jippermettu liż-żgħażagħ isemmgħu leħinhom.
- L-impatt tal-azzjonijiet u tal-prijoritajiet tal-UE għall-futur: Tlieta minn kull erba’ żgħażagħ Ewropej iħossu li l-UE tħalli impatt fuq il-ħajja tagħhom ta’ kuljum. Iż-żgħażagħ Ewropej jistennew li l-UE tippreserva l-paċi, tiġġieled kontra l-faqar u toħloq l-impjiegi.
- L-edukazzjoni diġitali: B’mod kumplessiv, iż-żgħażagħ Ewropej iħossuhom kunfidenti ħafna fil-kapaċità tagħhom li jużaw l-IA b’mod sikur, iżda ma jħossuhomx daqshekk kunfidenti meta jiġu biex jużawha biex jiksbu r-riżultati li jixtiequ.
Il-perspettivi taż-żgħażagħ huma importanti. Hekk kif il-Kummissjoni Ewropea qiegħda taħdem biex issaħħaħ il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fit-tfassil tal-politika u tħejji għall-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ li jmiss għal wara l-2027, dawn ir-riżultati jistgħu jservu ta’ gwida għall-isforzi maħsuba biex jiżguraw li dak li jridu jgħidu ż-żgħażagħ jasal għand min għandu jasal.
Ejjew niddiskutu! Agħti l-ħajja lid-demokrazija fil-klassi tiegħek permezz tal-aktar informazzjoni riċenti dwar x’jaħsbu ż-żgħażagħ Ewropej.
- Data tal-pubblikazzjoni
- 28 Ottubru 2026
- Awtur
- Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni
- Type of content
- News





