
Esplora l-gwidi, materjal edukattiv għall-klassi, u riżorsi interattivi affidabbli li toffri l-UE biex tgħin liż-żgħażagħ jorjentaw ruħhom b’mod sikur u kunfidenti fid-dinja diġitali. Dawn ir-riżorsi jappoġġaw ħidmet l-UE biex jinħoloq ambjent diġitali aktar sikur.
Esplora d-dinja diġitali b’kunfidenza! Dan il-ktieb tal-attivitajiet interattiv u mlewwen jgħin lill-istudenti żgħar fl-età jiskopru kif jaħdem l-internet, jagħrfu l-kontenut suspettuż, u jiżviluppaw drawwiet pożittivi online permezz ta’ puzzles u sfidi divertenti.
- L-udjenza: It-tfal tal-iskola primarja (ta’ bejn 9 snin u 12-il sena), il-familji, u l-għalliema
- Il-format: Ktieb tal-attivitajiet bl-istampi, b’logħob u kwiżżijiet interattivi
- Is-suġġetti ewlenin: It-tiftix sikur, is-sigurtà tal-passwords, l-impronta diġitali, il-ħsieb kritiku

Regoli ċari għal ambjent diġitali aktar sikur u aktar ġust fl-Unjoni Ewropea kollha. Sir af kif l-Att dwar is-Servizzi Diġitali jipproteġi lill-utenti żgħar fl-età minn kontenut ta’ ħsara, iwaqqaf ir-reklamar qarrieqi, u jżomm lill-pjattaformi teknoloġiċi ewlenin responsabbli.
- L-udjenza: L-istudenti tal-iskola sekondarja (ta’ bejn 12 u 18-il sena), il-ġenituri, u l-edukaturi
- Il-format: Skeda informattiva interattiva b’filmat spjegattiv u gwida li tista’ titniżżel
- Is-suġġetti ewlenin: It-trasparenza tal-pjattaformi, l-istandards tas-sikurezza għaż-żgħażagħ, it-tneħħija ta’ kontenut illegali

Saħħaħ il-ħiliet ċibernetiċi tiegħek flimkien mal-Esploraturi Diġitali! Skopri x’theddid jeżisti online, kif tipproteġi d-data personali, u għaliex il-qalb tajba, l-għerf, u passwords b’saħħithom iżommuk ’il bogħod mill-periklu. Dejjem żomm f’moħħok: “Aħseb Qabel Tikklikkja”!
- L-udjenza: It-tfal tal-iskola (ta’ bejn 9 snin u 14-il sena), l-għalliema, u l-familji
- Il-format: Episodju animat, gwida interattiva għall-klassi, u sett ta’ għodod għad-diskussjoni
- Is-suġġetti ewlenin: L-għarfien dwar iċ-ċibernetika, l-impronti diġitali, id-drawwiet diġitali sikuri

Id-dikjarazzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet u l-Prinċipji Diġitali tpoġġi lin-nies fiċ-ċentru tat-tranżizzjoni diġitali. Esplora kif id-drittijiet fundamentali jipproteġulek il-privatezza, il-libertà tal-għażla, u l-benesseri fl-era diġitali.
- L-udjenza: Iż-żgħażagħ (minn 15-il sena’ l fuq), l-istudenti universitarji, u l-edukaturi ċiviċi
- Il-format: Preżentazzjoni viżwali tad-dikjarazzjoni u punti li jistimulaw diskussjonijiet tematiċi
- Is-suġġetti ewlenin: Is-sovranità diġitali, it-teknoloġija ċċentrata fuq il-bniedem, is-solidarjetà online

Iċ-ċittadini Ewropej kollha għandhom id-dritt li jkunu jafu u jikkontrollaw kif id-data personali tagħhom tinġabar u tiġi pproċessata online. Kun af x’inhuma drittijietek u kif il-liġi tal-UE tissalvagwardja l-privatezza taż-żgħażagħ fin-networks soċjali u fl-apps kollha.
- L-udjenza: L-istudenti tas-sekondarja, il-ġenituri, u l-persunal amministrattiv
- Il-format: Gwida bi spjegazzjoni, bi studji prattiċi ta’ każijiet dwar il-privatezza
- Is-suġġetti ewlenin: Id-drittijiet dwar id-data personali, ir-regoli dwar il-kunsens, il-protezzjoni tad-data fl-iskejjel

L-algoritmi intelliġenti kif jitgħallmu, jagħrfu l-uċuħ, u jiġġeneraw it-tweġibiet? Ħu sehem f’dan il-vjaġġ animat u divertenti li jitfa’ dawl fuq it-tagħlim awtomatiku, l-għodod ġenerattivi, u r-responsabbiltà diġitali.
- L-udjenza: L-istudenti tal-primarja u tas-sekondarja, l-għalliema, u l-ġenituri li jixtiequ jsiru jafu iktar
- Il-format: Filmat animat ta’ 4 minuti bi kwiżż għall-klassi u suġġerimenti għad-diskussjoni
- Is-suġġetti ewlenin: Il-prinċipji bażiċi tat-tagħlim awtomatiku, l-algoritmi ta’ kuljum, l-użu responsabbli tal-IA

Jirnexxilek tifred ix-xnigħat li jinfirxu malajr mill-verità vverifikata? Poġġi lilek innifsek fil-pożizzjoni ta’ editur investigattiv waqt elezzjoni fir-renju tal-annimali u skopri kif jinfirxu d-deepfakes u t-titli foloz tal-aħbarijiet.
- L-udjenza: L-istudenti tal-iskola sekondarja, il-klabbs taż-żgħażagħ, u l-klabbs tal-litteriżmu medjatiku
- Il-format: Simulazzjoni interattiva online b’rispons f’ħin reali
- Is-suġġetti ewlenin: L-identifikazzjoni tal-aħbarijiet foloz, il-verifika tas-sorsi, it-tiftix bil-maqlub għall-immaġnijiet

Għin lill-istudenti jiksbu l-kapaċità li, minflok ikunu sempliċiment konsumaturi passivi tat-teknoloġija, ikunu huma stess li joħolqu l-materjal. Pass pass mal-isfidi tal-programmazzjoni u puzzles tal-loġika mfasslin għas-sessjonijiet ta’ ħidma tal-Ġimgħa Ewropea tal-Ikkowdjar.
- L-udjenza: L-istudenti (ta’ bejn 10 snin u 16-il sena) u għalliema tal-iSTEM/tal-informatika
- Il-format: Lezzjonijiet interattivi mqassmin f’moduli u kards tal-isfidi li jistgħu jiġu stampati
- Is-suġġetti ewlenin: Is-soluzzjoni tal-problemi permezz tal-algoritmi, l-ipprogrammar viżwali bbażat fuq il-blokok, il-kunċetti bażiċi tad-debugging

Logħba żviluppata miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC) tal-Kummissjoni Ewropea għall-promozzjoni tal-użu sikur u bbilanċjat tal-internet. Għeleb l-isfidi online, ittestja x’taf, u pproteġi l-avatar diġitali tiegħek!
- L-udjenza: It-tfal (ta’ etajiet minn 8 snin sa 14-il sena), serati tal-logħob fil-familja, u l-klassijiet tal-primarja
- Il-format: App diġitali (iOS/Android/Web) u logħba fuq bord li tista’ tiġi stampata biex tintuża fil-klassi
- Is-suġġetti ewlenin: Il-bullying ċibernetiku, il-bilanċ fil-ħin quddiem l-iskrin, l-imġiba xierqa online

Min jiddeċiedi x’jippromwovu l-algoritmi? X’inhuma d-deepfakes, u għaliex il-kunsens huwa importanti online? Strixxi komiċi li jesploraw id-dilemmi morali tat-teknoloġija moderna bl-umoriżmu u b’rakkonti ta’ stejjer interessanti.
- L-udjenza: L-adolexxenti (ta’ bejn 13 u 18-il sena), l-għalliema tal-filosofija, u l-ġenituri
- Il-format: Ktieb tal-komiks u gwida għad-diskussjoni fil-klassi
- Is-suġġetti ewlenin: L-etika diġitali, il-preġudizzju algoritmiku, il-kunsens, id-drittijiet tal-awtur online

L-EU Kids Act

- Artiklu tal-aħbarijiet
Immaġinak tiftaħ app u tkun taf li tfasslet bil-ħsieb li t-tfal jinżammu ’l bogħod mill-perikli meta jkunu online. Din hija l-idea wara l-EU KIDS Act, proposta ġdida mill-Kummissjoni Ewropea biex id-dinja online ssir aktar sikura għat-tfal u għall-adolexxenti.
Il-bullying ċibernetiku mhuwiex “sempliċiment għaġeb fuq ix-xejn online”. Il-bullying ċibernetiku huwa meta xi ħadd juża t-teknoloġiji diġitali biex ripetutament jhedded, jumilja, jeskludi, jew iweġġa’ lil persuna oħra. Il-bullying ċibernetiku jista’ jġarrbu kulħadd u kullimkien, iżda t-tfal u l-adolexxenti huma partikularment vulnerabbli.
- L-udjenza: Il-gruppi ta’ età kollha, il-ġenituri, u l-persunal amministrattiv
- Il-format: Gwida li tispjega b’pariri prattiċi
- Is-suġġetti ewlenin: Internet aktar sikur, il-bullying ċibernetiku

Filmati dwar il-linja telefonika ta’ għajnuna dwar il-bullying ċibernetiku
Dan il-filmat, li sar bħala parti mill-kampanja #NotOnOurFeed, juri kif il-linji telefoniċi ta’ għajnuna tal-Insafe fin-network taċ-Ċentri għal Internet Aktar Sikur jipprovdu pariri bla ħlas u kunfidenzjali kif ukoll appoġġ emozzjonali f’każijiet ta’ abbuż online.
- L-udjenza: Persuni minn 12-il sena ’l fuq, il-ġenituri, u l-edukaturi
- Il-format: Filmat ta’ 3 minuti li jispjega, b’sottotitoli bl-24 lingwa tal-UE
- Is-suġġetti ewlenin: Il-bullying ċibernetiku, ir-rapportar tal-inċidenti, il-pariri kunfidenzjali permezz ta’ linja telefonika ta’ għajnuna
Arah fuq il-YouTube b’sottotitoli b’24 lingwa
Siltiet iqsar għad-diskussjoni fil-klassi
Xenarju nru 1 (Il-perspettiva tal-ġenituri · minuta u nofs): L-istorja tal-omm: spalla għal uliedek
Ara x-xenarju nru 1 | Niżżel l-MP4
Xenarju nru 2 (Il-perspettiva taż-żgħażagħ · minuta u nofs): L-istorja tat-tifel: għajnuna online
Ara x-xenarju nru 2 | Niżżel l-MP4
Il-website tal-kampanja:
#NotOnOurFeed - Better internet for kids
L-Unjoni Ewropea tiffinanzja network apposta ta’ Ċentri għal Internet Aktar Sikur fl-Istati Membri kollha tal-UE permezz tal-portal Internet Aħjar għat-Tfal (BIK). Jekk int tgħallem u qed tfittex pjanijiet ta’ lezzjonijiet lokalizzati, ġenitur u qed tfittex gwida dwar il-ħin quddiem l-iskrin, jew żagħżugħ u qed tesperjenza l-bullying online, se ssib dejjem għajnuna kunfidenzjali u bla ħlas.
- Linji telefoniċi kunfidenzjali ta’ għajnuna: Pariri diretti u amikevoli għat-tfal, għall-adolexxenti, u għall-ġenituri dwar l-isfidi diġitali, il-bullying ċibernetiku, u r-relazzjonijiet online.
- Linji telefoniċi ta’ emerġenza għar-rapporti anonimi: Mezzi biex jiġi rrappurtat malajr kontenut ta’ ħsara jew illegali, biex jiġi żgurat li l-internet jibqa’ sikur għal kulħadd.
- Riżorsi edukattivi multilingwi: Niżżel pakketti tal-lezzjonijiet, punti li jistimulaw il-konverżazzjonijiet, u attivitajiet imfasslin għall-kurrikulu nazzjonali tiegħek.