Fl-2012 l-UE rċeviet il-Premju Nobel għall-Paċi għall-ħidma tagħha favur il-paċi, ir-rikonċiljazzjoni, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem fl-Ewropa.
L-UE ddeċediet li tiddedika l-flus tal-Premju Nobel għall-Paċi lit-tfal li huma mċaħħdin mill-opportunità li jikbru fil-paċi u li tirdoppja l-ammont tal-premju Nobel (€930,000), għal €2 miljun. Bħala riżultat, aktar minn 28,000 tifel u tifla s’issa bbenefikaw minn erba’ proġetti ta' edukazzjoni ta' emerġenza magħżula s-sena li għaddiet.
Bħala l-wirt politiku dejjiemi tal-Premju Nobel għall-Paċi, u bħala għodda mmirata għall-edukazzjoni f’żoni ta’ kunflitt, l-UE se tkompli din l-inizjattiva fis-snin li ġejjin. Għall-2013, l-UE reġgħet irduppjat ir-riżorsi u tat €4 miljun biex tkopri l-proġetti eżistenti u oħrajn ġodda.
Il-Premju Nobel għall-Paċi 2012
Meta ngħata l-Premju Nobel għall-Paċi lill-UE, il-Kumitat Norveġiż tal-Premju Nobel qal li d-deċiżjoni tiegħu kienet ibbażata fuq ir-rwol ta' stabbiltà li l-UE kellha biex tibdel il-biċċa l-kbira tal-Ewropa minn kontinent ta' gwerer għal kontinent ta' paċi.
L-aktar suċċess importanti tal-UE, skont il-kumitat, kien "il-ġlieda b'suċċess favur il-paċi u r-rikonċiljazzjoni u favur id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem".
Il-ħdima tal-UE tirrappreżenta l-"fraternità bejn in-nazzjonijiet" u tammonta għal forma tal-"kungressi ta' paċi" kkwotati minn Alfred Nobel bħala l-kriterji għall-Premju tal-Paċi fit-testment tiegħu tal-1895.
L-Unjoni Ewropea hi l-21 organizzazzjoni internazzjonali li rebħet il-premju mill-1901 'l hawn.
- Id-dikjarazzjoni sħiħa mill-Kumitat tal-Premju Nobel
- Dikjarazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni u l-Kunsill dwar il-Premju Nobel għall-Paċi
- Dikjarazzjoni mill-President tal-Parlament Ewropew
Ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet
Il-premju ngħata f'Oslo fl-10 ta' Diċembru. Bħar-rebbieħa kollha, l-UE rċeviet il-premju mill-president tal-Kumitat Norveġiż tal-Premju Nobel. L-UE kienet rappreżentata mill-President tal-Kunsill Ewropew, il-President tal-Kummissjoni Ewropea u l-President tal-Parlament Ewropew. Id-diskors tradizzjonali tal-Premju Nobel, f'isem l-UE, sar mill-Presidenti Van Rompuy u Barroso. Erba' żgħażagħ Ewropej, rebbieħa tal-kompetizzjoni onlajn organizzata mill-UE (ara hawn taħt) issieħbu mad-Delegazzjoni tal-UE f'Oslo biex jingħataw il-premju.
Il-kompetizzjoni
Biex tiġi ċċelebrata l-premjazzjoni, l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Forum Ewropew għaż-Żgħażagħ organizzaw kompetizzjoni li fiha ż-żgħażagħ intalbu jispjegaw xi tfisser għalihom il-paċi fl-Ewropa.
It-tfal bejn 8 u 12-il sena ntalbu jibagħtu t-tweġiba tagħhom f'forma ta' tpinġija; dawk bejn 13 u 24 sena fil-forma ta' test qasir. Intbagħtu madwar 5,400 tweġiba. Ir-rebbieħa ntgħażlu minn ġurija, ippreseduta mill-awtur tal-kotba tal-komiks Jean Van Hamme, u mill-vot tal-pubbliku fuq Facebook.
Ir-rebbieħa
L-erba' rebbieħa għamlu parti mid-delegazzjoni uffiċjali tal-Unjoni Ewropea f'Oslo biex jirċievu l-Premju għall-Paċi 2012. Huma attendew iċ-ċerimonja uffiċjali fl-10 ta' Diċembru u l-kunċert tal-Premju Nobel tal-Paċi fil-11 ta' Diċembru.
"Il-Premju Nobel għall-Paċi 2012 mhux biss rikonoxximent tal-kisbiet tal-passat tal-UE: iħares ukoll lejn il-futur", qalu l-mexxejja tal-istituzzjonijiet tal-UE. "Dan hu għaliex nixtiequ magħna f'Oslo liż-żgħażagħ Ewropej, li qed jirtu kontinent ta' paċi u li se jkollhom fuq spallejhom ir-responsabbiltà tal-Ewropa tal-ġejjieni".
Stħarriġ dwar l-għoti tal-Premju Nobel għall-Paċi lill-UE
Infografika li turi r-riżultati tal-istħarriġ dwar ir-rebħa tal-premju Nobel għall-Paċi mill-UE © EU
Sejbiet ewlenin:
- Tliet kwarti jaqblu li l-paċi u d-demokrazija huma l-aktar kisbiet importanti tal-UE
- Żewġ terzi jħossuhom kburin li l-UE ngħatat il-Premju Nobel għall-Paċi
- 6 minn kull 10 jaqblu li l-għoti tal-Premju Nobel għall-Paċi lill-UE kien l-għażla t-tajba u se jtejjeb l-immaġni tal-UE.
- Maġġoranza ta' nies fil-Greċja, l-Awstrija, is-Slovenja, l-Olanda u l-Isvezja ma jaqblux li l-għoti tal-premju kien l-għażla t-tajba u li se jtejjeb l-immaġni tal-UE