Mur għall-kontenut ewlieni
Learning corner
  • Artiklu tal-aħbarijiet
  • 5 Frar 2025
  • Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni
  • 1 min qari

Doqqu t-tnabar... Se jitħabbru r-rebbieħa tal-Juvenes Translatores

Żommu l-kolp, intom li tħobbu l-lingwi! Ir-rebbieħa tal-konkors tat-traduzzjoni Juvenes Translatores għall-iskejjel sekondarji se jitħabbru waqt xandira diretta nhar il-Ħamis 13 ta’ Frar fil-11:00 CET. Titlifhiex!

Il-Juvenes Translatores huwa konkors annwali tat-traduzzjoni li jsir madwar l-UE kollha għal studenti ta’ 17-il sena li jattendu l-iskola sekondarja, u ilu mill-2007 jispira lil-lingwisti żgħażagħ. It-tema ta’ din is-sena kienet “L-Edukazzjoni dwar iċ-Ċittadinanza Diġitali”.

Min l-aktar li bbrilla? 
Dawn iż-żgħażagħ ta’ 17-il sena qalbu testi bejn l-24 lingwa uffiċjali tal-UE, u ntgħażlu rebbieħa minn kull Stat Membru. It-tradutturi rebbieħa se jiċċelebraw il-bravura multilingwi tagħhom f’ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet fi Brussell, fejn se jiltaqgħu ma’ żgħażagħ oħrajn li jħobbu l-lingwi, jesploraw il-belt, u jirċievu l-premjijiet tagħhom. 

Din is-sena, ipparteċipaw 3,070 żagħżugħ minn 713-il skola sekondarja. Dawn l-istudenti użaw 144 mill-552 kombinazzjoni lingwistika disponibbli, inklużi pari bħal dawk mis-Sloven għad-Daniż u mill-Portugiż għall-Finlandiż.

Il-parteċipanti kollha ħaqqhom ċapċipa kbira għall-isforzi tagħhom. Il-ġenerazzjoni li jmiss ta’ tradutturi se tkun ixxurtjata li se jkollha żgħażagħ daqstant kuraġġużi jissieħbu fil-professjoni. Nixtiqulhom suċċess fit-tagħlim tal-lingwi li se jidħlu għalih.

Tixtieq tagħmel sfida miegħek innifsek? It-testi tal-JT 2024 huma disponibbli online — għaliex ma tipprovahomx u tara kif tmur?

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
5 Frar 2025
Awtur
Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni