
Għal dawk li jħobbu l-lingwi, din hija xi ħaġa għall-kalendarju tagħkom! Ir-rebbieħa tal-kompetizzjoni Juvenes Translatores se jitħabbru waqt xandira diretta l-Ħamis it-12 ta’ Frar, fil-11:30, ħin ta’ Brussell.
Juvenes Translatores hija kompetizzjoni annwali li ssir fl-UE kollha għall-istudenti ta’ 17-il sena fl-iskejjel sekondarji — u ilha tispira lil-lingwisti żgħażagħ mill-2007. It-tema ta’ din is-sena kienet "Mil-lingwi għall-pajsaġġi: vjaġġi Ewropej għal fehim reċiproku”.
Din id-darba pparteċipaw 3,004 studenti minn 716-il skola sekondarja. Mill-552 kombinament lingwistiku disponibbli, huma użaw 155 — inkluż Bulgaru-Grieg, Daniż-Ċek, Irlandiż-Spanjol u Kroat-Żvediż. L-għażliet tagħhom juru t-tapizzerija kumplessa tal-lingwi fl-Ewropa.
It-traduzzjonijiet tagħhom bl-24 lingwa uffiċjali tal-UE ġew ivvalutati mit-tradutturi tal-Kummissjoni Ewropea. Ir-rebbieħa — wieħed minn kull Stat Membru — se jiċċelebraw il-kisba multilingwi tagħhom f’ċerimonja tal-premjazzjoni fi Brussell lejn l-aħħar ta’ Marzu. Se jiltaqgħu wkoll ma’ oħrajn li għandhom il-lingwi għal qalbhom, se jaraw it-tradutturi tal-Kummissjoni Ewropea fil-post tax-xogħol u se jesploraw il-belt.
Il-parteċipanti kollha ħaqqhom ċapċipa kbira għall-isforzi tagħhom. Il-ġenerazzjoni li jmiss ta’ tradutturi se tkun ixxurtjata jekk se jkollha żgħażagħ daqshekk intelliġenti li jissieħbu fil-professjoni, u nħeġġuhom ikomplu jitgħallmu l-lingwi.
Tixtieq tagħmel sfida miegħek innifsek? It-testi tal-kompetizzjoni huma disponibbli online — għaliex ma tipprovax u tara kif tmur? U jekk taf xi studenti li jħobbu l-lingwi li jagħlqu 17-il sena s-sena d-dieħla, għidilhom jaħtfu l-opportunità tal-avventura ta’ Juvenes Translatores!
Dettalji
- Data tal-pubblikazzjoni
- 4 Frar 2026 (L-aħħar aġġornament: 4 Frar 2026)
- Awtur
- Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni
- Type of content
- News





